Daħla » Ġenerali » Brian Schembri u Etienne Cutajar fil-Manoel

Brian Schembri u Etienne Cutajar fil-Manoel

It-Teatru Manoel u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) se jtellgħu l-kunċert li jmiss fis-serje ta’ kunċerti ‘MPO at the Manoel’ nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru 2014 fit-8pm (ikun hemm taħdita qabel il-kunċert fis-7.15pm). Il-kunċert huwa taħt id-direzzjoni ta’ Brian Schembri bil-parteċipazzjoni tas-solist Etienne Cutajar fuq il-kornu.

Etienne ilu associate principal fuq il-kornu tal-BBC Scottish Symphony Orchestra mill-2006. Huwa kien inħatar 3rd Horn tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta meta kellu 18-il sena. Wara għamel kors, postgraduate full-time, fir-Royal Academy of Music u huwa wkoll student ta’  Fergus McWilliam – li jdoqq il-kornu mal-Berliner Philharmoniker.

soloist Etienne Cutajar

Ghal sentejn konsekuttivi, Etienne kien first horn tal-European Union Youth Orchestra u kien guest principal fuq il-kornu ma’ uħud mill-Orkestri Prinċipali Ngliżi u bosta drabi kkollabora mar-Royal Stockholm Philharmonic Orchestra.

Brian Schembri huwa d-Direttur Artistiku u Direttur Prinċipali tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Mro Schembri ggradwa fil-konservatorji ta’ Kiev u Moscow Tchaikovsky u mexxa orkestri kbar bħalma huma l-iState Philharmonic Orchestras tal-Ukraina, il-Maċedonia, Kielce u Tirgu Muras, is-Sinfonietta, il-London Mozart Players, l’Orchestre de Bretagne, l’Orchestra Ciutat de Barcelona, l-Orkestri Filarmoniċi Odessa u Brasov, il-Moscow Soloists, l-Academic Orchestra of Lisbon, ir-Royal Oman Symphony Orchestra, ir-Royal Scottish National Symphony Orchestra, il-Lithuanian State Symphony Orchestra, in-Novosibirsk Philharmonic, il-Bournemouth Symphony Orchestra, l’Orchestre National de Lyon, is-Sofia National Opera Orchestra, il-Hong Kong Philharmonic u l-London Philharmonic Orchestra.

Il-programm jiftaħ bl-Overture minn Der Freischutz ta’ Carl Maria von Weber u jsegwi bis-Second Horn Concerto ta’ Richard Strauss, bil-parteċipazzjoni tas-solist Malti Etienne Cutajar. Dan ix-xogħol jirrappreżenta l-ewwel concerto prinċipali tal-kompożitur mill-First Horn Concerto li nkiteb 60 sena qabel fl-1883.

Is-serata tagħlaq bir-raba’ sinfonija ta’ Brahms, xogħol li l-kritiċi u l-akkademiżi jikkunsidraw bħala dak li jiġbor fih it-tagħlim u t-teknika tal-kompożitur, u opra artistika li minkejja l-kumplessitajiet kollha tagħha tqanqal l-ispirtu bl-iktar mod possibli għall-mużika.

Il-kunċert nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru jibda fit-8pm. L-istudenti u dawk bil-kartanzjan jibbenefikaw minn skonti fuq il-biljetti u jkun hemm taħdita b’xejn fis-7.15pm għal dawk li jixtru l-biljetti.

Biex tibbukkja mur fuq www.teatrumanoel.com.mt, bookings@teatrumanoel.com.mt jew ċempel fuq 2124 6389.

  (698)

  
Awtur Frederick Zammit