Daħla » Drama » Frekwenzi …. minn Ottubru fuq TVM 2

Frekwenzi …. minn Ottubru fuq TVM 2

Minn Ottubru li ġej, TVM 2 se jibda jxandar serje ġdida bl-isem ta’ Frekwenzi, ibbażata fuq il-ktieb Frekwenzi Ħiemda li ġie ppublikat f’Novembru 2012.

Frekwenzi hi l-karba għall-imħabba li ma tinstabx. Frekwenzi hi l-imħabba li titfittex u ma tinstabx. L-imħabba u s-sess mhumiex l-istess, daqskemm mhuwiex l-istess il-ġuħ u l-aptit. Fil-ġabra Frekwenzi Ħiemda, għandna analiżi tal-imħabba mixtieqa, l-imħabba miċħuda u l-imħabba abbużata.

Matul il-ġabra, it-tema rikorrenti tal-għeluq tinbidel f’metafora ċentrali li tinħass minn  novella għal oħra. Il-bniedem li jinbidel f’għasfur ċkejken maqbud f’qafas: “Għasfur ċkejken jitħabat mal-ħadid irqiq tal-qafas kemxejn akbar minnu, jittama li jtir ’il barra minn hemm”; il-bniedem li jsib ruħu magħluq f’kamra-kaxxa: “Il-kamra ta’ Red: kaxxa tal-ġebel iffurmata minn erba’ ħitan bla bieb u bla twieqi, dejjem mudlama u siekta meta t-tifla ma tkunx hemmhekk, u kollha storbju ta’ mużika punk meta appuntu, tkun fl-Imdina ffortifikata tagħha.”; il-bniedem li jinbidel fi xbieha ta’ mħabba quddiem il-ħolm tiegħu stess: “Dik il-mara taħt driegħi kienet tiegħi, u tiegħi biss. U hekk kif kont lest li nagħfas l-imgħażqa tiegħi għall-aħħar darba sabiex inkun nista’ nferrex iż-żerriegħa mad-dawra ta’ fjur sbuħitha, hekk kif kont għoddni ħa nasal biex illesti dak il-kapulavur, ħarist lejn wiċċha, u ntbaħt li taħti ma kienx hemm iktar Nella. Taħti kien hemm mostru li hekk kif ħarist lejh iktar mill-qrib indunajt li ma kien ħadd għajr Oscar Vassallo.”; il-bniedem li jinġarr mill-kurrenti tal-gidba: “dak il-lejl bl-ebda mod ma stajt norqod. Hekk kif kont qed nitqalleb fis-sodda tiegħi, ħsibijieti bdew imorru lura lejn dak in-nofstanhar li qattajna flimkien. Ikolli nistqarr li ta’ spiss hi l-kuxjenza li żżommni mqajjem, dik l-istess kuxjenza li tfakkarni li dak li qed nagħmel huwa ħażin. Jiena wegħidt li naqdi lil Alla u mmexxi l-merħla li fdali f’idejja. U biex dan il-kmand inkun nista’ nwettqu aħjar intrabatt għal għomri kollu bil-vot taċ-ċelibat.”, hu l-bniedem komuni li jitħabat għall-ħajja, allura għall-imħabba li tixraqlu, imma li hija biss miraġġ ’il bogħod.

Għalhekk kull karattru f’din il-ġabra huwa l-istess karattru, imdawwar bi xbihat oħrajn bħalu imma differenti, tal-anqas fid-dehra esterna. Dan iwassal biex Frekwenzi Ħiemda jidher bħala collage li jikxef soċjetà li kulma taf tagħmel huwa li ssikket lil min jipprova jeżaminaha, u taħt it-tapit tal-Frekwenzi Ħiemda mingħalih jaħbi l-veritajiet li huma kollox minbarra ħiemda.

L-awturi Grima u Schembri, b’novella kontemporanja xi kultant ibbażata fuq il-poeżija, nieqsa mill-komunikazzjoni diretta għax hekk hi s-soċjetà, miżgħuda bi kliem ħażin u xeni saħansitra pornografiċi, isemmgħu l-Frekwenzi Ħiemda li għal ħafna għandhom jibqgħu ħiemda.

Justin Schembri, 30, huwa għalliem tal-Malti fil-livell sekondarju. Frekwenzi Ħiemda l-ewwel ktieb tiegħu. Jikteb kemm poeżija kif ukoll proża, u għaldaqstant, Frekwenzi Ħiemda jlaqqa’ dawn iż-żewġ ġeneri fi stil ta’ kitba mibni fuq il-poeproża, iżda b’mod żviluppat. Schembri huwa ggradwat fil-Malti u beħsiebu jkompli l-istudji tiegħu fil-qasam politiku.

Tyrone Grima, 36, jaħdem bħala Assistent Kap ġo skola tal-Knisja. Dan huwa t-tieni xogħol ippubblikat tiegħu. Fil-fatt fl-2007 Grima ħareġ l-ewwel rumanz tiegħu bil-Malti Celibacy. Apparti l-imħabba għal-letteratura, Grima huwa involut ħafna fid-dinja teatrali. Kiteb bosta xogħlijiet għal fuq il-palk li ġew diretti minnu stess. Grima huwa wieħed mill-fundaturi tal-kumpanija lokali Theatrencore.  Għal din il-kumpanija dderieġa għadd ta’ drammi fosthom Bariona  ta’ Sartre, Exit the King ta’ Ionesco u Romeo and Juliet ta’ Shakespeare. Grima huwa ggradwat fil-Franċiż u t-Teatru. Bħalissa qiegħed jistudja biex jikseb dottorat fit-Teoloġija fil-qasam tal-Ispiritwalità. Ir-riċerka hija ffukata fuq il-kitibiet ta’ Simon Weil.

  (813)

  
Awtur Frederick Zammit