Daħla » Ġenerali » Ħalliħ ħa jonfoħ ir-Riħ

Ħalliħ ħa jonfoħ ir-Riħ

Ħalliħ ħa jonfoħ ir-Riħ, 2013 – Mikiel Camilleri Haber, Pubblikazzjoni Bronk Productions.

Ħalliħ ħa jonfoħ ir-Riħ hu ġabra ta’ novelli u l-ewwel xogħol ippubblikat tal-awtur żagħżugħ Mikiel Camilleri Haber. Din il-ġabra ta’ stejjer tikkonsisti f’taħlita interessanti: hemm stejjer qosra u oħrajn kemxejn twal; hemm stejjer li jittrattaw temi serji bħad-diżabilità intellettwali jew il-mewt waqt li f’oħrajn jispikka iżjed l-umoriżmu. Hemm stejjer dwar żagħżagħ w’ oħrajn fejn il-protagonisti huma anzjani; xi stejjer huma minsuġa primarjament minn djalogi iżda hemm ukoll uħud fejn il-qarrej jimraħ mal-karattri fi ħsibijiethom. Kull storja hi individwali – m’hemm l-ebda rabta bejn l-istejjer, la fin-nisġa tar-rakkonti u lanqas fil-karattri. L-uniku element komuni hu l-kuntest – Malta tas-seklu wieħed u għoxrin.

Għalkemm Mikiel hu isem ġdid fix-xena tal-kittieba lokali, l-interess fil-kitba ta’ dan iż-żagħżugħ ta’ ħamsa u għoxrin sena ma bediex illum, u lanqas huwa limitat għall-kitba tan-novelli. Fil-fatt, Mikiel ilu numru ta’ snin jikteb versi komiċi jew satiriċi għal melodiji popolari u jtellagħhom fuq l-internet. Huwa wkoll kittieb ta’ poeżiji, sew bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, li wieħed jista’ jsib fuq il-blog tiegħu (http://mikielpoeziji.blogspot.com/). Mikiel għandu għal qalbu wkoll l-iscript writing. Fil-fatt, forma oħra ta’ arti għal qalb Mikiel hi d-drama. Fost l-oħrajn, ħa sehem f’xi produzzjonijiet lokali televiżivi u, aktar riċenti, f’Ottubru interpreta l-parti ta’ Raoul f’silta mid-dramm Boulevard ta’ Francis Ebejer, li ttellgħet minn Willow Theatre. Mikiel huwa student tal-MCAST. Hu qiegħed fl-aħħar sena tal-kors li jwassal għall-Baċellerat (Hons) f’Media (Moving Image). (444)

  
Awtur admin