Daħla » Fil-Limelight » Iċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu iniedi IDE@, jistieden parteċipazzjoni.

Iċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu iniedi IDE@, jistieden parteċipazzjoni.

Bħala parti ċentrali tal-ewwel ftit ġimgħat fl-irwol ġdid ta’ Dr Toni Sant bħala direttur artistiku taċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, iċ-Ċentru qed iniedi IDE@, sensiela ta’ attivitajiet li ser ikunu miftuħin għall-pubbliku. IDE@ qed tiġi kkreata sabiex isservi bħala opportunità għal taħditiet bejn il-pubbliku u ċ-Ċentru għall-Kreattività ta’ Malta. Parteċipanti mistednin għall-attività tal-ftuħ ser jinkludu Dr Isabelle Gatt, Lettura Anzjana għall-Kreattività u Edukazzjoni tal-Arti, l-artist Jimmy Grima, u Dr Charles Xuereb, xandar u storiċista. “B’IDE@, ser inkunu qed nagħtu l-opportunità lil kulħadd biex isemmà l-vuċi tiegħu f’dan il-perjodu kruċjali fejn qed infasslu pjan strateġiku għall-futur taċ-Ċentru”, qal Toni Sant.

Dr_Toni_Sant

Dr Sant beda jservi bħala direttur artistiku tal-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-15 ta’ Ottubru 2014.

“L-għażla ta’ Direttur Artistiku twassalna għat-tmiem tal-ewwel fażi ta’ vjaġġ ta’ awto-eżami għaċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Ir-riżultat ta’ dan il-vjaġġ huwa l-ħatra ta’ Dr Sant, għażla li saret b’kunfidenza bħala l-ewwel linja ta’ kitba eċċellenti fuq paġna ġdida għaċ-Ċentru għall-Kreattività tal-Gżejjer Maltin. Partikolarment kuntenti li l-pubbliku għandu l-opportunità jiddiskuti il-Viżjoni Strateġika taċ-Ċentru għall-Kreattività f’din is-sensiela ta’ IDE@”, qal Rupert Cefai, Ċermen tal-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattività.

“Tassew eċitat bil-possibilitajiet ta’ din l-opportunità, u diġà qed naħdem mal-bqija tal-ħaddiema eċċellenti tal-Kavallier ta’ San Ġakbu sabiex naħdmu biex ikollna Ċentru għall-Kreattività li huwa verament inklussiv, miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jservi bħala katalist tal-kreattività fil-Gżejjer Maltin. Dan dejjem ser isir b’rikonoxximent u rispett kbir lejn il-ħidma fejjieda matul il-ħmistax-il sena li diġà ilu miftuħ iċ-Ċentru”qal Toni Sant.

Dr Toni Sant huwa akkademiku anzjan fil-qasam tal-Kurazzjoni Diġitali fl-Università ta’ Hull, l-Ingilterra. Huwa l-awtur ta’ Franklin Furnace and the Spirit of the Avant-Garde: A History of the Future (ippublikat minnUniversity of Chicago Press fl- 2011) u Remembering Rediffusion in Malta: A History Without Future (li ħiereġ fl-2015). Bħala proponent tal-għerf miftuħ huwa wkoll attiv ma’ Wikimedia UK fil-qasam tal-edukazzjoni miftuħa u bħala President Fundatur tal-Fondazzjoni M3P. Dawn l-attivitajiet jorbtu mal-ħidma pijuniera tiegħu fil-qasam tax-xandir fuq l-Internet bil-Malti, wara karriera ta’ bosta snin bħala xandar professjonali. Mill-2005 ‘l hawn huwa beda jipproduċi sensiela ta’ poddati bl-isem ta’ Mużika Mod Ieħor kull ġimgħa.

L-ewwel fis-sensiela ta’ IDE@ ser issir nhar l-Erbgħa 26 ta’ Novembru fis-7PM. Id-dħul huwa b’xejn iżda huwa mitlub li persuni li jixtiequ jattendu jirreġistraw l-interess tagħhom fuq www.sjcav.org. (1106)

  
Awtur Frederick Zammit