Daħla » Ġenerali » Il-Fabbrika tal-Kliem

Il-Fabbrika tal-Kliem

Wieħed mis-sinjali ta’ ktieb bl-istampi ta’ kwalità huwa meta jista’ jitgawda kemm mit-tfal imma wkoll mill-ġenituri u mill-adulti inġenerali.

Merlin Publishers għadhom kemm ippubblikaw Il-fabbrika tal-kliem, ktieb bl-istampi li żgur se jieħdu pjaċir jaqrawh kemm it-tfal kemm il-kbar. Huwa storja għat-tfal, però huwa wkoll ħrafa inkredibbilment ħelwa għall-adulti li jridu jemmnu fil-qawwa tal-imħabba. Il-ktieb, ippubblikat oriġinarjament il-Belġju, fih 36 paġna kollha b’illustrazzjonijiet artistiċi bellezza, u miktub b’lingwaġġ sempliċi u poetiku, kif ukoll b’għadd ta’ kliem kumplessi li madankollu jsibu posthom b’mod naturali fin-narrattiva.

Oriġinarjament miktub bil-Franċiż, Il-fabbrika tal-kliem kien suċċess internazzjonali fost il-kategorija ta’ kotba bl-istampi, tant li ġie ppubblikat f’27 lingwa differenti, u rebaħ 3 premjijiet prestiġġjużi internazzjonali.

fabbrika spread 2

Il-ktieb ġie addattat għall-Malti minn ħadd ħlief Clare Azzopardi, awtriċi ta’ letteratura kemm għat-tfal kemm għall-kbar. Azzopardi kkummentat hekk dwaru: “Merlin Publishers qed ikunu avventurużi ħafna fl-għażla ta’ kotba għat-tfal li qed jaddattaw għall-Malti. Qed jintroduċu fis-suq lokali kotba bl-istampi li mhumiex tas-soltu u li jirrikjedu l-qari, il-kreattività u l-interpretazzjoni.”

Il-fabbrika tal-kliem jirrakkonta l-istorja ta’ pajjiż fejn il-kliem iridu jinxtraw inkella n-nies ma tistax titkellem. Għaldaqstant, huma biss in-nies sinjuri li jistgħu jikkomunikaw bil-kliem, mentri l-foqra m’għandhomx biex jixtru l-kliem biex jitkellmu. Il-magni fil-fabbrika joħolqu l-kliem u n-nies jikkunsmawhom bħall-ikel. L-istorja ddur madwar Philéas, tifel fqir li jbati biex isib kliem biex jitkellem. Sakemm jiltaqa’ ma’ Cybelle, li iżda għandha wkoll lil Oscar jiġri warajha — tifel sinjurun.

fabbrika spread 1

Clare Azzopardi qalet, “Naħseb l-isbaħ punt ta’ dan il-ktieb huwa l-fatt li se jappella kemm lit-tfal kemm lill-adulti. Huwa ktieb bl-istampi li t-tfal se jogħxew bih, imma se jogħġob ukoll lill-ġenituri li qed jaqrawh magħhom, b’mod differenti għax il-ktieb fih livelli ta’ qari differenti fejn hemm sustanza u tifsiriet diversi. Barra minn hekk, l-illustrazzjonijiet huma inkredibbilment sbieħ.”

 

Il-fabbrika tal-kliem jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew direttament online minn www.merlinpublishers.com (729)

  
Awtur Frederick Zammit