Daħla » Ġenerali » Il-Festival tal-Arti għat-Tfal: ŻiguŻajg ġewwa Għawdex

Il-Festival tal-Arti għat-Tfal: ŻiguŻajg ġewwa Għawdex

Żewġ produzzjonijiet għat-tfal qegħdin ittellgħu f’Għawdex bħala parti mill-festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, ŻiguŻajg. Dan huwa l-uniku festival f’Malta u f’Għawdex fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jitpoġġew fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

Il-Ministru t’Għawdex Anton Refalo, l-Ambaxxatriċi Awstrijaka Dr Petra Schneebauer u d-direttur artistiku ta’ ŻiguŻajg Toni Attard dalgħodu attendew produzzjoni ta’ Moonshadows ta’ Theater Ohne Grenzen minn Vienna fil-Ministeru t’Għawdex. Ilbieraħ, Rondinella, produzzjoni mtella’ mid-Drama Unit, ukoll ittellgħet fl-istess post.

“Il-festival ifittex li jkun kemm jista’ jkun aċċessibbli għal kulħadd. Aħna nifhmu li għall-istudenti Għawdxin, tinżel u titla’ minn Għawdex għal produzzjoni ta’ siegħa tista’ tkun daqsxejn diffiċli,” qal id-direttur artistiku Toni Attard. “Għalhekk kull sena il-festival jaqsam sa Għawdex bi produzzjoni lokali u oħra internazzjonali.”

Moonshadows hija produzzjoni li tinvolvi shadow puppetry li tieħu l-udjenzi fuq vjaġġ teatrali bejn ir-renji tal-miti u l-maġija, tax-xjenza u l-fantaxjenza. Rondinella hija addattament bil-Malti tal-ħrafa tal-aħwa Grimm, The Fisherman and his Wife.

Moonshadows---photos-by-Elisa-von-Brockdorff

Din is-sena ŻiguŻajg inkluda wkoll proġett ta’ artist Għawdxi, grazzi għax-xogħol tal-artist Austin Camilleri. Il-proġett, imsejjaħ Solo I Bambini ci Salveranno, jinvolvi 12,000 tpinġija ta’ tfal fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex. Kull tpinġija ġiet diġitiżżata b’mod individwali, stampata u integrata f’installazzjoni pubblika, u b’hekk l-ilħna tat-tfal inġiebu fiċ-ċentru tal-Belt Valletta. Il-proġett jifforma parti mill-programm kulturali tal-Valletta 2018.

Mis-17 sat-23 ta’ Novembru, il-festival ŻiguŻajg qiegħed juri 28 produzzjoni, inkluż 12 il-produzzjoni internazzjonali minn seba’ pajjiżi differenti. Artisti minn Spanja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Olanda ingħaqdu ma’ uħud mill-aħjar artisti Maltin biex joħolqu l-uniku festival f’Malta fejn it-tfal u ż-żgħażagħ huma verament fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

Mill-mużika għaż-żfin, mill-arti viżiva għall-pupazzi, u mill-mima għat-teatru, it-tfal jidħlu f’sensiela ta’ dinijet paralleli fejn il-ħolm u l-memorji, il-foresti u l-ġonna, il-finzjoni u r-realta’ jingħaqdu sabiex jirrakkontaw stejjer eċitanti lit-tfal żgur li se jirrelataw magħhom. It-tfal huma parti minn jew jieħdu sehem f’uħud mill-produzzjonijiet.

It-tema ta’ din is-sena tirrivolvi madwar l-identita’, tema li titfaċċa f’uħud mill-produzzjonijiet, sabiex tgħin lit-tfal jesploraw min huma u x’jixtiequ jsiru. Dawn huma esplorati b’sensittivita’ u immaġinazzjoni kbira minn artisti bħal Trevor Zahra, Austin Camilleri, Simone Spiteri, Ruben Zahra u Vince Briffa, kif ukoll numru ta’ artisti emerġenti.

Il-festival ta’ ŻiguŻajg joffri programm b’artisti ta’ kalibru għoli ħafna, u li huma magħrufin għal numru ta’ produzzjonijiet kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Kull sena l-programm jittella’ b’attenzjoni kbira għall-preżentazzjoni, ġeneri, relevanza għal etajiet differenti u, fuq kollox, eċċellenza.

  (1807)

  
Awtur Frederick Zammit