Daħla » Ġenerali » Il-Gershwin Quartet fil-Manoel

Il-Gershwin Quartet fil-Manoel

It-Teatru Manoel se jibda s-sensiela ġdida ta’ dan l-istaġun ta’ “Wednesdays at the Manoel” b’serata fantastika ta’ mużika straordinarja li tvarja mill-klassiku għall-modern minn The Gershwin Quartet u l-klarinist Roman Kuperschmidt fit-22 ta’ Ottubru fit-8pm.

L-erba’ miżiċisti jikkonsistu fil-vjolinisti Michel Gershwin u Natalija Raithel, il-vjolinista Juri Gilbo, u l-vjolinċellista Dmitrij Gornowskij. L-erba’ mużiċisti ilhom idoqqu flimkien bħala ensemble mill-1990. Ir-repertorju tagħhom ikopri varjeta’ ta’ ġeneri differenti ta’ mużika fosthom klassiku, modern, jazz u Latin Amerikan.

L-ensemble tikkonsisti f’rappreżentanti tal-iskola instrumentali Russa u ħadu bosta unuri f’kompetizzjonijiet internazzjonali tal-mużika. L-isem tal-quartet ġej mill-prim vjolinista Michel Gershwin, li rċieva unur internazzjonali fl-1988 bħala r-rebbiegħ tal-premju kbir “David Oistrach Competition”. Wara li kellu bosta pożizzjonijiet bħala l-prim vjolinista tal- Orchestre de Opera National de Lyon u l-Philharmonischen Orchesters der Oper Frankfurt, Gershwin qed jikkonċentra fuq l-attivitajiet tiegħu bħala solista u bħala l-prim vjolinista tal-Gershwin Quartet. Il-quartet daqq mal-Ewropa kollha, l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Brażil, l-Asja, Dubai, il-Lebanon u l-Iżrael.

Il-klarinist Roman Kuperschmidt huwa deskritt mill-istampa bħala l-“Ġojjell Russu”. Huwa daqq fl-ewwel kunċert tiegħu bħala solista mar- Russian State Philharmonic Orchestra ta’  Kazan meta kellu 12-il sena u huwa wieħed mill-iktar talenti żgħar magħrufa fir-Russja. Huwa studja fil-Konservatorju tal-Istat Russu u l-Universita’ tal-Mużika u l-Performing Arts ta’ Frankfurt. Huwa rebaħ il-Grand Prix prestiġġjuż  tal-Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Klarinett f’Moska fl-1995. L-interess speċjali tiegħu huwa fil-mużika moderna u Klezmer, li huwa jikkultiva mal-ensemble tiegħu Kuper Schmidt. Huwa daqq bħala solista mal-Ewropa kollha, l-Istati Uniti, l-Iżrael u l-Libanu.

Roman Kuperschmidt performs with Gershwin Quartet on 22 Oct

Il-programm ta’ nhar il-Erbgħa 22 ta’ Ottubru jinkludi xgħolijiet ta’ Brahms, Mozart, Piazzolla, Von Weber u Khatchaturyan.  Il-biljetti huma kollha €20 b’roħs għall-istudenti u dawk li għandhom il-kartanzjan.  Biex tibbukkja mur fuq www.teatrumanoel.com.mt, ibgħat email fuqbookings@teatrumanoel.com.mt jew ċempel fuq 2124 6389. (634)

  
Awtur Frederick Zammit