Daħla » Ġenerali » Il-Kor Jubilate Deo jiċċelebra l-40 Anniversarju mit-twaqqif tiegħu

Il-Kor Jubilate Deo jiċċelebra l-40 Anniversarju mit-twaqqif tiegħu

Is-sena 2014 tfakkar l-40 anniversarju mit-twaqqif tal-Kor Jubilate Deo. Kien propju fis-sena 1974 meta l-mibki Dun Pawl Caruana, dak iz-zmien arċipriet tal-parroċċa tan-Naxxar, kien ħass il-ħtieġa li jwaqqaf kor żgħir kompost minn tfal bniet biex jibdew jagħtu servizz fil-funzjonijiet liturġiċi fil-parroċċa tan-Naxxar. Meta saħħet Dun Pawl bdiet tnaqqas it-tmexxij tal-kor għaddiet f’idejn Dun Richard Borg u warajh Dun Rene’ Vella sal-2004 meta l-kor ġie afdat f’idejn il-kompożitur u direttur żgħażugħ Christopher Muscat li għadu jmexxi sa llum.

Choir 2

Għal dan l-anniversarju l-kor ħa numru ta’ inizjattivi sabiex jikkommemora dan l-avveniment; fost dawn ser ikun hemm il-publikazzjoni ta’ ktieb li fih jiġbor l-istorja tal-kor matul dawn l-erbgħin sena. Bħal ma jsir kull sena, waħda mill-attivitajiet prinċipali ta’ matul is-sena tkun il-kunċert annwali tal-Milied u għal din is-sena l-kor ser ikun qiegħed jiċċelebra bil-kbir b’kunċert flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Dan il-kunċert ser jittella’ fil-knisja parrokkjali tan-Naxxar nhar it-Tnejn 15 ta’ Diċembru 2014 fit-8.00pm.

Mro. Christopher Muscat

Għal dan il-kunċert, li fih ser jieħu sehem ukoll il-kor tat-tfal Pueri Cantores Jubilate Deo immexxi minn Daniela Callus, ser jiġi esegwit għall-ewwel darba f’Malta Joy to the World, xogħol tal-kompożitur famuż Ingliż Karl Jenkins. Dan ix-xogħol jinkludi fih disa’ għanjiet tal-Milied irranġati fl-istil mexxej, tipiku ta’ dan il-kompożitur, u li fih jispikka ħafna l-użu tal-perkussjoni. Il-kunċert ser jinkludi wkoll għanjiet tal-Milied aktar tradizzjonali b’arranġamenti orkestrali kif ukoll xogħolijiet ta’ kompożituri Maltin.

Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden. (697)

  
Awtur Frederick Zammit