Daħla » Ġenerali » Il-Prinċep tal-Warda Bajda

Il-Prinċep tal-Warda Bajda

Wara s-suċċess miksub bis-sensiela televiżiva, Il-Prinċep tal-Warda Bajda, FoxyNixy Productions issa qed iniedi r-rumanz bl-istess isem. Miktub b’pinna mexxejja u b’lingwa li tiftihem minn kulħadd, ir-rumanz għandu jinżel tajjeb mal-qarrejja adoloxxenti, adulti u anzjani l-istess.

Ir-rumanz minsuġ abbilment minn Liliana Risiott fi 352 paġna għandu storja fi storja, rakkont f’rakkont li jieħu lill-qarrej fi vjaġġ minn żmienna sa mijiet u mijiet ta’ snin ilu. Il-Professur Oliver Friggieri fid-daħla li għamel għall-ktieb iddeskrivih bħala “rumanz li jeloġja lill-arti umana tar-rakkontar.”

Fl-istorja niltaqgħu mat-tfajjel ta’ disa’ snin, Matthew li jkorri serjament f’inċident fil-bitħa tad-dar u jispiċċa f’koma fl-isptar. Imħeġġeġ mit-tobba u l-infermiera, biex jistimula l-attività f’moħħ it-tifel, missieru, Joe, jintefa’ ħdejh lejl u nhar jirrakkontalu minn ktieb tal-leġġendi u ħrejjef. Hu hawn li l-qarrej jembarka fuq vjaġġ biex jiltaqa’ mad-diversi karattri minn għadd ta’ leġġendi, uħud magħrufa u oħrajn le u jieħdu l-ħajja u l-forma umana bit-tlajja’ u l-inżul tal-ħajja b’tali mod li magħhom il-qarrej jista’ jirrelata. Hu vjaġġ li jieħu lill-qarrej lura fi żmien il-Kavallieri, żmien il-ħbit tal-furbani, l-era romantika u l-era napoleonika. Barra minn hekk il-qarrej jivvjaġġa ma’ Ulisse fl-Odissea ta’ Omeru kif rakkontata fid-dettal minn Liliana Risiott. Fl-isfond ta’ dan kollu, il-ħajja matrimonjali tal-ġenituri tat-tfajjel tibda tberraq.

Dan hu t-tieni ktieb li Liliana Risiott ippubblikat. L-ewwel wieħed kien Meta l-Fula Tnawwar li ħareġ fl-1992. Risiott kitbet ukoll id-drama Il-Prinċep tal-Warda Bajda, id-dramm f’att wieħed Toni Karawetta u Punzjetta fi Gwarniċ, rumanz li għadu ma ġiex ippubblikat. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu ppubblikati żewġ xogħlijiet oħra tagħha: Il-Kewkba Dhebija u Stejjer Oħra, ktieb għat-tfal bi tnax-il storja qasira, waħda għal kull wieħed mit-tnax-il jum tal-Milied u r-rumanz Għall-Magħmul M’Hemmx Kunsill, li Risiott diġà adattatu wkoll għat-televiżjoni.

Il-Prinċep tal-Warda Bajda kien mitbugħ fil-Progress Press u d-distributuri esklussivi tiegħu huma l-Book Distributors Ltd (BDL) ta’ San Ġwann (tel. 21380351) www.bdlbooks.com (609)

  
Awtur admin