Daħla » Fil-Limelight » Imħabbra t-tieni serata ta’ Rockestra

Imħabbra t-tieni serata ta’ Rockestra

Wara li nbiegħu l-biljetti kollha ta’ Rockestra, għas-serata tas-Sibt 27 ta’ Settembru 2014, illum wara nofsinhar il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret li fuq talba ġenerali se tkun qed issir serata oħra l-Ħadd 28 ta’ Settembru 2014 fis-sitta ta’ filgħaxija.

“Jiena u żewġi Edgar nagħtu ħajr lill-poplu Malti u Għawdxi li wieġeb għas-sejħa li għamilna biex jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ solidarjetà b’risq il-Malta Community Chest Fund”, sostniet il-President Coleiro

OMR_8601e

Il-President ta’ Malta irringrazzjat lill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, l-artisti u partikolarmanent l-amministrazzjoni tal-MFCC li ikkonfermaw l-użu tas-sala biex tkun tista’ tittella’ serata oħra l-Ħadd. Spjegat li Rockestra issa hija parti mill-kalendarju kulturali Malti.

Il-President Coleiro Preca qalet li tinsab konvinta li permezz tal-qalb kbira tal-poplu Malti u t-talent lokali, se jiġi preżentat spettaklu mill-aqwa biex permezz tiegħu nuru l-imħabba u s-solidarjetà ma’ min għandu bżonn.

Indirizza wkoll l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Kultura u l-Gvern Lokali Dr. Owen Bonnici, li wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-organizazzjoni tat-tieni serata. Spjega kif Rockestra se tkun ta’ pjattaforma għat-talent ġdid. Ma’ dan ingħaqad il-Kelliem Ewleni tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Dr. Francis Zammit Dimech li spjega kif din hija okkażjoni ta’ ringrazzjament doppju għaliex aktar nies se jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’risq il-Malta Community Chest Fund.

OMR_8530e

Id-direttur mużikali ta’ Rockestra Sigmund Mifsud qal li bħalissa diġa bdew il-preparamenti bil-provi għal Rockestra u assigura lil dawk kollha li se jattendu għat-tieni serata li l-ispettaklu mtella’ se jkun bħal dak tal-ewwel serata. Min-naħa tiegħu d-direttur artistiku Pawlu Borg Bonaci appella lil dawk interessati biex jaħtfu dan l-aħħar ċans u jixtru l-biljetti għal Rockestra.

Mil-lum, kull min huwa interessat jista’ jibbukkja l-biljetti tas-serata tal-Ħadd 28 ta’ Settembru mis-sit elettroniku www.ooii.com.mt jew inkella mill-Palazz il-Belt u l-Palazz ta’ Sant’Anton. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.rockestra.org.mt , iċempel fuq 21 226 226 jew jibgħat imejl fuq rockestra@gov.mt. (525)

  
Awtur Frederick Zammit