Daħla » Ġenerali » It-12-il-Edizzjoni tal-Festival tal-Films Ewropej f’Malta – 2014

It-12-il-Edizzjoni tal-Festival tal-Films Ewropej f’Malta – 2014

 Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta bil-kollaborazzjoni tal-ambaxxati Ewropej f’Malta u Ruma qiegħda torganizza edizzjoni oħra tal-Festival tal-Films Ewropej.

Il-Festival se jiġi varat nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru 2014 u bejn il-15 u t-30 ta’ Novembru se jintwera film differenti kull serata f’Dar l-Ewropa, fi Triq San Pawl, il-Belt. Din it-12-il edizzjoni tal-Festival tal-Films Ewropej qiegħda tiċċelebra l-10 anniversarju tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Il-festival ikompli jibni fuq is-suċċess tal-edizzjonijiet preċedenti. Huwa jippreżenta firxa wiesgħa ta’ films Ewropej u jagħlaq b’għażla ta’ films Maltin qosra. Se jintwerew 17-il film minn 16-il pajjiż – l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, Id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, is-Slovenja u Spanja, u b’hekk l-udjenza lokali tista’ tieħu togħma tad-diversità u l-kreattività tal-Ewropa.

Il-Festival ta’ din is-sena jkopri għażla kbira ta’ ġeneri differenti ta’ films b’varjetà eċitanti ta’ ċinematografija, li jirrakkontaw stejjer ta’ mħabba, mibgħeda, qlubija u determinazzjoni għal udjenza li, minn edizzjoni għall-oħra, tilħaq livell dejjem ogħla ta’ apprezzament għaċ-ċinema Ewropea. Il-Festival tal-Films Ewropej jipprovdi opportunità għal wiri tad-diversità tal-kulturi fl-UE: films minn bosta pajjiżi differenti, f’varjetà kbira ta’ lingwi, iżda kollha kemm huma Ewropej.

Id-dħul huwa bla ħlas iżda donazzjonijiet bħala għajnuna lill-Hospice Malta jiġu milqugħa. Il-films se jibdew fis-6.30 ta’ filgħaxija u ma jkollhomx intervall. Il-postijiet huma limitati għaldaqstant dawn jingħataw lil min jiġi l-ewwel.  Wara se jkun hemm ftit ikel u xorb ħafif.

Għal aktar informazzjoni dwar l-iskeda wieħed jista’ jċempel fuq 2342-5000 jew www.ec.europa.eu/malta; FB: KummissjoniEwropea.

  (659)

  
Awtur Frederick Zammit