Daħla » Ġenerali » Kulħadd ħalla isem warajh

Kulħadd ħalla isem warajh

isem

Tmien snin ilu, fl-2006, l-awtriċi Maltija żagħżugħa Clare Azzopardi kienet qed tagħmel id-debutt tagħha fix-xena letterarja Maltija bil-ktieb Il-Linja l-Ħadra (Merlin Publishers). Xi stejjer tagħha kienu ġa dehru f’rivisti Maltin u internazzjonali, u l-kumment kritiku kien li kienet awtriċi promettenti ħafna li għad nisimgħu iktar dwarha. Kienet ukoll bdiet tikteb kotba tal-iskola.

Mill-2006 sal-2014, u Clare Azzopardi llum il-ġurnata hija meqjusa, bir-raġun, bħala waħda mill-aqwa kittieba kontemporanji li għandu pajjiżna, b’ħafna premjijiet mirbuħa għall-kotba tagħha. Ippubblikat numru ġmielu ta’ rumanzi għat-tfal ta’ kull età, li lkoll telgħu fil-quċċata tal-klassifiki tal-bejgħ tal-kotba, u wħud minnhom marru għar-ristampa – ħaġa rari ħafna f’Malta. Fosthom hemm il-kotba dwar Saver De Molizz u ħuh, kif ukoll is-sensiela ‘Jake Cassar’, liema sensiliet għandu eluf ta’ fans li bil-ħerqa jistennew kull kapitlu ġdid minn dawn l-istejjer.

L-istil ta’ kitba frisk, innovattiv u fuq ruħu ta’ Azzopardi jagħmel il-letteratura tagħha uniku fil-panorama lokali. Minbarra l-kotba għat-tfal, Azzopardi kitbet drammi li ttellgħu fuq palkijiet nazzjonali f’Malta, Franza u l-Eġittu, u s-sena l-oħra kitbet id-dramm In-Nisa Maltin Jafu Kif, li ttella’ fit-Teatru Manoel u qajjem kontroversja u dibattitu kbir. Azzopardi tul is-snin kienet ukoll mistiedna għal numru ta’ festivals internazzjonali li saru fi bliet dinjija mill-Belt Valletta sa Bali.

Il-fans tagħha però ilhom jistennewha tirritorna b’xogħol ġdid ta’ proża għall-adulti. U fl-aħħar il-mument wasal, għax Merlin Publishers ippubblikaw il-ktieb Kulħadd ħalla isem warajh, il-ġabra ġdida ta’ stejjer ta’ Clare Azzopardi. Kulħadd ħalla isem warajh huwa kollezzjoni prezzjuża ta’ stejjer ta’ tmien nisa: nisa fuq ruħhom, nisa kwieti, nisa li l-ħajja rikbithom jew li rikbuha huma, kollha bi storja x’jgħidulna. Azzopardi, bl-istil ta’ kitba uniku tagħha, tlaqqagħna ma’ dawn it-tmien nisa u l-ħajjiet differenti tagħhom.

Niltaqgħu, pereżempju, ma’ Sandra, li tħobb tħalli ċwievet jiġru biex isibuhom l-irġiel; niltaqgħu ma’ Camilla, li jgħidu li qattgħet raġel biċċiet u remietu fuq l-għatba ta’ biebha ġo borża taż-żibel; niltaqgħu ma’ Roża, li għall-aħħar għaxar snin ta’ ħajjitha m’għamlet xejn ħlief tħejji għad-difna; niltaqgħu ma’ Lily, kompliċi f’kumplott kumpless ħafna. Kull mara bil-ħajja tagħha u l-ħsibijiet tagħha. Ilkoll qed jistennew: min tistenna raġel, min tistenna lil xi ħaġa, min lill-mewt, min l-imħabba.

Qalb dawn l-istejjer u n-nisa, Azzopardi ħbiet, b’imqarbizza ċkejkna lejn il-qarrejja, xi ħaġa komuni bejn l-istejjer kollha li b’xi mod tgħaqqadhom flimkien. Hi tħalliha lill-qarrej biex isibha.

Dawk li kellhom ix-xorti jaqraw il-ktieb qabel ma ħareġ, diġà qed jakklamaw lil Kulħadd ħalla isem warajh bħala l-aqwa xogħol ta’ Azzopardi sal-lum, frott ta’ maturità letterarja li żgur se jagħmel minn dan il-ktieb wieħed mis-suċċessi kbar ta’ din is-sena.

Id-disinn tal-qoxra ta’ Kulħadd ħalla isem warajh intgħażel f’Novembru li għadda, waqt il-kompetizzjoni #abbozz organizzata mill-Merlin Publishers, fejn disinjaturi ngħataw iċ-ċans jissottomettu l-ideat tagħhom għall-qoxra. Ir-rebbieħa – f’dal-każ l-artista Lisa Falzon – ħolqot disinn tal-qoxra li rabat perfettament tal-burdata tal-ktieb.

Dan il-ktieb ġdid ta’ Clare Azzopardi tnieda nhar il-Ġimgħa ġewwa Blitz, il-Belt Valletta. L-atturi Glen Calleja, Chris Galea u Albert Gatt introduċew lill-mistiedna mal-istejjer tramite siltiet li qraw ‘l hawn u ‘l hinn matul is-serata. Fl-istess waqt, tqassmu l-kopji ffirmati tal-ktieb lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tal-e-postcards li l-Merlin għamlu fuq Facebook fil-ġimgħat li għaddew.

Kulħadd ħalla isem warajh jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew direttament online minn www.merlinpublishers.com (625)

  
Awtur Frederick Zammit