Daħla » Ġenerali » Kwartetti ewlenin għall-Flawt minn Mozart u Ries fl-Oratorju

Kwartetti ewlenin għall-Flawt minn Mozart u Ries fl-Oratorju

Bħala parti mill-kampanja tal-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT) li għaddejja bħalissa biex tiġbor fondi għall-attivitajiet ta’ riċerka, il-kunċert li jmiss mis-serje L-Oratorju – Mużika u Arti ser jsir nhar il-Ħadd 30 ta’ Novembru.

It-tieni kunċert, ippreżentat fl-ambjent uniku tal-Oratorju tal-Knisja tal-Ġiżwiti fil-belt Valletta kull ħmistax fl-4.30pm, ser jittelgha minn Lumia Flute Quartet. Dan it-tip ta’ kwartett hu simili bhalkwartett tal-korda, b’differenza li l-flawt jieħu l-post tal-prim vjolin. Din il-formazzjoni laħqet il-qofol tagħha madwar it-tieni nofs tas-seklu 18.

Il-programm jikkonsisti f’żewġ kompożizzjonijiet ewlenin, il-Kwartett tal-Flawt D Major ta’ Mozart u l-Kwartett tal-Flawt No 1 C Major Op.145 ta’ Ferdinand Ries. Jikkumplimentaw dawn iż-żewġ kwartetti tal-flawt ser ikun hemm it-Trio ta’ Hansen għall-Flawt, Vjolin u Ċello.

Il-Kwartett hu magħmul minn Fiorella Camilleri fuq il-flawt, Reggie Clews fuq il-vjolin, Sarah Spiteri fuq il-vjola u Yaroslav Miklukho fuq il-vjolonċel. Il-mużiċisti huma kollha stabbilitikemm fil-qasam orkestrali kif ukoll fil-mużika da camera, u ħadu sehem b’mod estensiv kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.

Il-flus miġbura mis-sejre ta’ Kunċerti fl-Oratorju ser imorru għar-riċerka li qed issir fl-Università ta’ Malta permezz tal-fond RIDT. Mhux meħtieġ li wieħed jibbukkja, imma d-dħul għal kunċert ikun b’għotja rakkomandata ta’ €10. (1361)

  
Awtur Frederick Zammit