Daħla » Ġenerali » L-Anġlu tal-Lament

L-Anġlu tal-Lament

“Dħaqt, bkejt, bżajt, imlejtni ansjeta’ … ma nafx x’ma ħassejtx … ħallieni bla kliem …”

L-Anġlu tal-Lament huwa rumanz ġdid, frisk u kontemporanju fejn in-narratur jiltaqa’ ma’ James Oldens, karattru kemmxejn stramb, waqt titjira fuq xogħol. Bejniethom tinbed ħbiberija partikolari għax James mill-ewwel jiddikjara li wasal biex imut.

Matul dan il-vjaġġ, aktar personali milli fiżiku, joħroġ fil-beraħ il-passat ta’ James u jiġu diskussi aspetti varji tal-ħajja bħall-abbuż fiżiku, emozzjonali u sesswali. Bħala kuntrast jiġu diskussi l-kreattivita’, il-ħolm, l-anġli, l-ispiritwalita’ u r-rinkarnazzjoni f’kuntesti tal-ħajja kemm fin-normalita’ tagħhom u anke f’ambjent straordinarju.

Dawn l-elementi jwasslu lin-narratur biex jibda’ jesperjenza hu wkoll mumenti diffiċli u hawn il-linja bejn James u n-narratur stess tibda tintilef. In-narratur jibda jara f’James il-passat tiegħu stess, u jiġi kkonfrontat bih.

F’ambjent retro tal-belt ta’ Lisbona u b’nisġa ta’ karattri varji u kkuluriti, dan ir-rumanz huwa logħba ta’ emozzjonijiet f’kuntest drammatiku ta’ tfulija mniġġsa kif ukoll ta’ preżent mimli kreattivita’, illużjoni u ħsieb. Fl-aħħar il-qarrej għandu l-għażla f’idejh biex jiddeċiedi d-destin ta’ James.

L-Anġlu tal-Lament huwa ktieb attwali miktub b’pinna xi kultant misterjuża imma ħafna drabi miftuħa, ċara u bla tlaqliq.

 

  (554)

  
Awtur Frederick Zammit