Daħla » Ġenerali » L-MADC JIFTĦU L-ISTAĠUN IL-ĠDID BIL-GREAT BIG RADIO SHOW!

L-MADC JIFTĦU L-ISTAĠUN IL-ĠDID BIL-GREAT BIG RADIO SHOW!

L-MADC bi pjaċir jippreżentaw THE GREAT BIG RADIO SHOW!, li ngħażlet bħala l-produzzjoni li biha se jiftħu l-istaġun il-ġdid. THE GREAT BIG RADIO SHOW! se tittella’ fit-Teatru Manoel mis-17 ta’ Ottubru, taħt id-direzzjoni ta’ Polly March.

THE GREAT BIG RADIO SHOW!, li rebħet il-Vivian Ellis Award u wkoll il-premju  The Quest for a British Musical, hija produzzjoni affaxxinanti fuq l-istil tal-kummiedji mużikali tant popolari fit-tletinijiet. Il-premiere tagħha kien sar fit-Teatru Watermill, u wara kompliet tittella’ f’The Bridewell f’Londra. Hemm il-ħsieb li terġa’ tingħata l-ħajja f’Londra s-sena d-dieħla.

595 Polly & Jerry tap dance

Il-kliem u l-liriku huma xogħol Philip Glassborow, u l-arranġamenti għaż-żfin huma ta’ David Rhind Tutt u Geoffrey Thomas.

Ambjentata fi New York fl-1933, The Great Big Radio Show! hi l-aqwa programm ta’ varjeta’ fl-Istati Uniti, u toħroġ f’xandira diretta fit-8pm. Imma l-protagonista, il-prim’attriċi, għadha ma waslitx. X’se jagħmlu? Il-producer, l-assistent personali tiegħu, id-direttur tal-orkestra u l-preżentatur iridu jsibu kantanta biex tieħu postha, waqt li l-isponsor ewlieni tal-programm jiddeċiedi li jibqa’ fl-istudio biex jara l-programm. Sitwazzjoni katastrofika! Imma l-kbir għadu ġej…

579 SURPRISES for the sponsor

Id-direttur tal-orkestra u l-assistent personali għandhom idea brillanti u jerħulha għall-kafetterija tal-istudio bit-tama li jsibu xi kantanta minn programm ieħor. U hemm isibu dik li hi meqjusa bħala America’s Singing Sweetheart, li tipprova tgħinhom.

Sadattant…

Tidhol fix-xena Freckles Murray, kantanta u vjolinista bla xogħol, li għadha kemm waslet fi New York. X’tistenna? Wara kollox, din hi kummiedja mużikali….

Freckles kellha tipprova xortiha fi speakeasy, tip ta’ bar b’reputazzjoni dubbjuża li tant kien popolari fl-Istati Uniti f’dawk iż-żmenijiet. Iżda tant allarmat ruħha b’dak li rat li qabdet il-vjolin u dabbret rasha. U r-receptionist issuġġeritilha li forsi setgħet taħdem flok waħda mill-waitresses fil-kafetterija, li dakinhar ma kienetx daħlet għax-xogħol…

429 ALFRED meets  OLGA

Malli jisimgħuha tkanta, id-direttur tal-orkestra u l-assistent personali jmorru fuqha u jipperswaduha tmur magħhom biex tkanta f’xandira diretta fuq ir-radju, u forsi wkoll iddoqq il-vjolin. Dak iż-żmien, l-artisti u l-kantanti hekk kienu jieħdu l-fama. Kulhadd xortih.

Sadattant, il-Producer kien qed jagħmel l-almu tieghu biex il-programm jibqa’ għaddej live f’xandira diretta. Problemi bħal dawn mhumiex tajbin għall-ulcera li kien ibati biha. Kriżi bhal din kienet se twasslu għal breakdown…

Sadattant…

Jidħlu fix-xena żewġ Gangsters, kampjuni mill-agħar, li qed ifittxu l-arma magħrufa bħala gatling gun li kienu ħbew fil-kaxxa tal-vjolin. Min ħadielhom? Ħadd ħlief Freckles Murray, li qabdet il-kaxxa tal-vjolin bl-arma bi żball flok tagħha. Iriduha lura akkost ta’ kollox, u hawn jibdew il-problemi…

Sadattant…

621 FRECKLES  & BLUE  decide to dance

Tidhol fix-xena Olga Schadenfreude, artista ċelebri aqwa minn Marlene Dietrich u Greta Garbo. U din taċċetta li tkanta wkoll fil-programm. Il-problema solvuta! Imma hemm iktar sorpriżi…

L-istorja ta’ meta ġuvni jiltaqa’ ma’ tfajla, jitlifha, jerġa’ jsibha, għal erba’ darbiet, timxi b’pass mgħaġġel sat-tmiem eċċitanti imma  bhal dejjem ferrieħi.

F’THE GREAT BIG RADIO SHOW! jieħdu sehem Alan Montanaro, Joseph Zammit, Katya Bruneis, Katherine Brown, Michael Mangion, Justin Mamo, Alex Gatesy Lewis, Luke Saydon u Nicola Azzopardi, Marliele Zammit u Andre Mangion. Il-koreografija hi f’idejn Alison Bird, u Cathy Lawlor tieħu ħsieb il-vuċijiet.

THE GREAT BIG RADIO SHOW! se tittella’ fit-Teatru Manoel fis-17, it-18 u d-19 u wkoll fl-24, il-25 u s-26 ta’ Ottubru, fit-8.00pm

Biljetti jistgħu jinxtraw online fuq www.teatrumanoel.com.mt, e-mail bookings@teatrumanoel.com.mt, jew ċemplu 2124 6389.

Prezzijiet: Ewro 16 u 20 għall-ewwel weekend, u Ewro 20 u 24 għat-tieni weekend.

  (545)

  
Awtur Frederick Zammit