Daħla » Ġenerali » Linji Sfuzi

Linji Sfuzi

X’inhi Tas-Sliema? Hija dik il-belt, jew dak ir-raħal, imdawwar bil-Gżira u San Ġiljan, le? Min jitħajjar jistaqsi mistoqsija assurda bħal din? Iżda għall-grupp ta’ żgħażagħ li qed jaħdem fuq il-proġett linji sfużi, Tas-sliema hija ferm usa’ minn dawn il-konfini fiżiċi, ġeografiċi u tanġibbli. Tas-Sliema tilqa’ fiha komunità ta’ xerrejja, ħaddiema, dawk li jħaddmu, residenti, immigranti u turisti. Inkoraġġiti mid-Direttur Artistiku tat-Teatru Salesjan, James Spiteri, Clifford Jo Żahra u David Grima nagħqdu flimkien sabiex jikkordinaw proġett interdixxiplinarju li jżewweġ il-fotografija u l-kitba bl-għan li jaqbad aħjar il-kuntatt paradossali u kuntrastanti fl-inkontri Slimiżi. Il-linji sfużi huma dawk il-linji virtwali, immaġinarji, imma mhux daqstant innoċenti, li jgħaqqdu flimkien lill-individwi, anki lil dawk li mhux neċessarjament huma konxji ta’ dan kollu.

promotion linji

linji sfużi huwa wieħed mill-proġetti li ngħataw il-fondi mill-programm Youth in Action. Huwa proġett li jittanta jesplora kif iż-żgħażagħ, ġejjin minn familji u influwenzi differenti jinteraġġixxu flimkien minkejja l-preġudizzju u l-isterjotip Slimiż. Serje ta’ workshops, organizzati ġewwa t-Teatru Salesjan, qed iservu ta’ opportunità għal iżjed komunikazzjoni bejn iż-żgħażagħ, b’suġġetti bħalma huma l-finanzi, il-ħbieb, il-kuntatti soċjali, il-familja, l-edukazzjoni, l-ambjent, il-moda, il-politika, l-ivvjaġġar u l-aspirazzjonijiet għall-futur. Dan id-djalogu, li qed jagħti ħjiel tad-diversi stili ta’ ħajja li jeżistu, qed iservi sabiex jisfida l-isterjotip Slimiż, li fil-biċċa l-kbira tiegħu jdur madwar il-perċezzjoni li f’Tas-Sliema ssib biss negozjanti, nies ta’ kalibru u ħafna djar sbieħ, u daqshekk. Dan il-proġett mela huwa tentattiv sabiex jinġiebu flimkien dawn iż-żgħażagħ u jintebħu bid-distinzjonijiet wiesgħa’ ta’ bejniethom u b’hekk jaħdmu għal iżjed djalogu.

L-isforz kollu se jintlaħaq f’Ottubru, meta se tittella’ esebizzjoni fotografika ġewwa t-Teatru Salesjan, l-uniku teatru ħaj f’Tas-Sliema. Fl-10 t’Ottubru se jitnieda l-ktieb linji sfużi, ġabra ta’ novelli u ritratti. L-awturi huma Clifford Jo Żahra u Ancel Cefai waqt li l-fotografu huwa David Grima. Minn hemm imbagħad tinfetaħ l-esebizzjoni ta’ tlitt ijiem, bejn l-10 ta’ Ottubru u t-12 t’Ottubru.

Il-kitba ta’ 10 stejjer qosra

seminar April

Iż-żewġ awturi, Clifford Jo Żahra u Ancel Cefai rnexxielhom jiktbu għaxar (10) stejjer qosra li jinnarraw il-ġrajjiet, il-ħsibijiet u l-burdati ta’ protagonisti, karattri u sitwazzjonijiet għalkollox fittizji, iżda li ma jfissirx li ma jseħħux fir-realtà, kuljum u kullimkien. Kull storja, li oriġinarjament  telqet minn ritratt meħud f’Tas-Sliema, tipprova tinqata’ milli tagħti prominenza lil karattri b’edukazzjoni għolja, b’finanzi fis-sod u b’ħajja għalkollox komda, kif iħobb iġegħelna nemmnu l-isterjotip, f’ħafna mid-drabi inġust, ta’ Tas-Sliema. L-istejjer ifittxu jaqbdu r-realtà xejn sabiħa ta’ immigranti u anzjani mitluqin għar-riħhom, persuni b’diżabbilità, oħrajn b’kundizzjonijiet ta’ saħħa, artisti solitarji u individwi misterjużi bi storja ta’ sofferenza li ttaqqalhom u ttellifhom milli jikkomunikaw b’mod san mal-oħrajn.

Għalkemm l-istejjer kienu sostnuti mill-ideat espressi miż-żgħażagħ waqt il-workshops, għax dan huwa proġett li jdur kollu kemm hu maż-żgħażagħ, l-istejjer mhux neċessarjament jinnarraw il-ġrajjiet taż-żgħażagħ minħabba li din il-ġenerazzjoni tgħix flimkien maż-żgħar, l-adulti u l-anzjani, u tinħass il-ħtieġa li jinħoloq djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet kollha.

https://www.youtube.com/watch?v=mOU53WHYNK4 (742)

  
Awtur Frederick Zammit