Malta Arts Festival 2014

Daħla » Malta Arts Festival 2014

Jitħabbar il-programm tal-Malta Arts Festival 2014

Ser ikun hemm video opera fejn il-film u r-realta’ jirriflettu lil xulxin b’mod misterjuż, ċirku li jgħaqqad il-poeżija mal-umoriżmu u film festival taħt l-istilel tas-sajf Malti. Il-Kunsill Malti Għall-Kultura u l-Arti (KMKA) dalgћodu ħabbar il-programm għad-disa’ edizzjoni tal-Malta Arts Festival 2014, l-akbar festival tal-arti f’Malta.

Bejn l-14 ta’ Lulju u t-2 t’Awwissu, artisti mill-Kroazja, l-Ingilterra, Spanja, l-Olanda, ir-Repubblika Ċeka, l-Afrika t’Isfel u r-Russja ser jingħaqdu ma’ uħud mill-aħjar artisti Maltin għall-festival bi 18 il-attivita’ u programm separat ta’ taħdidiet u workshops. Ħafna minn dawn l-avvenimenti ser isiru f’uħud mill-ispazji l-aktar prestiġjużi f’Malta bħad-Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, Pjazza Teatru Rjal u Forti Sant’Iermu, li għadu kif ġie restawrat. Dawn l-ispazji jżidu saff ieħor ta’ storja lin-narrativa diġa’ rikka tal-festival.

Wara r-riżenja tad-direttur artistiku preċedenti f’Diċembru li għadda, il-programm inħadem minn kumitat artistiku magħmul minn erba’ artisti: il-koreografu u żeffien Mavin Khoo, il-kompożitur Ruben Zahra, l-attur u direttur tat-teatru Toni Attard u ċ-ċermen tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud. Taħt id-direzzoni taċ-ċermen tal-KMKA Albert Marshall, dawn tellgħu programm f’madwar ħames xhur – żmien qasir ħafna għall-programmar ta’ festival. Sadanittant, inħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għad-direttur artistiku għas-sena d-dieħla.

Il-festival se jiftaħ bil-kbir b’2Cellos, fejn żewġ ċellisti Kroati ser idoqqu ċ-ċello b’mod verament eċitanti. L-għada, Kelma Kelma, il-fenomenu tal-ilsien Malti fuq facebook, se jingħaqad mal-Big Band Brothers għal-lejla ta’ mużika u letteratura fi Pjazza Teatru Rjal.

Il-Forti Santi’Iermu se jipprovdi l-isfond għal Hide and Seek, il-produzzjoni ta’ żfin ġdida ta’ Ivan Perez li ser tieħu l-udjenzi fuq vjaġġ atmosferiku fejn bil-mod il-mod jinkixfu xewqat, frustrazzjonijiet, ħlewwa u ġenn. L-attivita’ prinċipali l-oħra taż-żfin, Triple Bill ta’ dwetti, se turi xogћlijiet ta’ żeffiena Maltin emerġenti u artisti internazzjonali stabbiliti u ser issir Pjazza Teatru Rjal.

Żewġ attivitajiet fil-programm żgur li se jkunu favoriti mal-familji: Fecha de Caducidad huwa ċirku minn Spanja li ser igħaqqad mumenti ta’ poeżija, riskju, traġedja u umoriżmu ma’ elementi ta’ teatru fiżiku u żfin. Ir-Ritorn, produzzjoni bbażata fuq l-Odissea ta’ Omeru minn Teatru Anon, oriġinarjament kummissjoni ta’ Żigużajg, tidher li ser tkun avventura li tieћu gost biha l-familja kollha. Iż-żewġ attivitajiet huma b’xejn għal tfal ta’ 12 il-sena jew iżgħar.

Dawk li jħobbu l-mużika żgur li se jieħdu gost bil-kunċert ta’ Ruben Zahra u l-Windstreken Ensemble, kunċert li se juri profil folk-fusion uniku kif ukoll b’Upclose, xogћol innovativ tal-kompożitur Olandiż Michel van der Aa fejn dak li jintwera f’film u fir-realta’ jirriflettu lil xulxin. Up-Close huwa kunċert taċ-ċello li jigi dduplikat u rifless sakemm jilћaq il-konfini tal-video opera. Dan ser issir bil-parteċipazzjoni tas-solista Konstanze van Gutzeit taћt id-direzzjoni ta’ Pavel Snajdr bl-istrumenti tal-korda tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Attivita’ oħra li tgħaqqad il-ġeneri tal-arti hija l-Kappillan ta’ Malta, addattament għall-palk tar-rumanz famuż ta’ Monsarrat minn Immanuel Mifsud. Preżentata minn Fundazzjoni Avventura – l-kumpanija teatrali li tellgħet Vassalli u Jiena Nħobb Inti Tħobb – u li ser tittella’ fi Piazza d’Armi ġewwa l-Forti Sant’Iermu. U s-sensiela tal-artisti emerġenti – bil-parteċipazzjoni ta’ Nadine Galea u Luke Baldacchino – ukoll ser tippreżenta attivita’ interdixxiplinari ta’ mużika, letteratura u pittura.

L-arti viżwali ser ikollha preżenza qawwija permezz ta’ VIVA, il-Valletta International Visual Arts Festival, festival tal-arti viżwali li ser jsir f’Malta għall-ewwel darba. Organizzat miċ-Ċentru tal-Kreattivita’ ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Aġenzija Żgħażagħ bl-għajnuna tal-Kunsill Malti Għall-Kultura u l-Arti, il-festival ser isir ftit ġimgħat wara l-Malta Arts Festival u ser jinkludi attivitajiet bħal skola tal-kuraturi fis-sajf, eżibizzjonijiet fil-belt Valletta u t-tielet edizzjoni ta’ eżibizzjoni kollettiva għall-artisti żgħażagħ emerġenti.

Bħala parti mill-festival ukoll ser ikun hemm sensiela ta’ films li se jidhru taħt l-istilel tal-iljieli Maltin ġewwa Pjazza Teatru Rjal. Dan l-avveniment huwa f’idejn Rebecca Cremona, id-direttriċi tal-film Simshar. Ser ikun hemm ukoll żjara mill-professur Yevgeny Yevtushenko.

Minkejja n-novitajiet, hemm xi attivitajiet li saru wkoll favoriti mal-udjenzi. Globe se jirritornaw b’King Lear, fejn Pjazza Teatru Rjal ser jipprovdi l-isfond għal waћda mill-ikbar traġedji ta’ Shakespeare. U l-kunċert tal-għeluq ser isir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fejn l-Orkestra Filarmonika Maltija ser iddoqq taħt id-direzzjoni tal-Mro Brian Schembri mas-solist Russu Alexander Kniazev.

Il-workshops jibqgħu parti importanti mill-programm u joħolqu djalogu bejn artisti minn barra u artisti Maltin. F’nofs kalendarju sajfi mimli attivitajiet, il-Malta Arts Festival jippermetti lil udjenzi li jesperjenzaw ix-xogħol ta’ artisti internazzjonali u l-aħjar talent Malti f’programm ħaj ta’ attivitajiet ta’ kalibru għoli fi spazji storiċi.

www.maltaartsfestival.org

 Il-Malta Arts Festival huwa organizzat mill-Kunsill Malti Gћall-Kultura u l-Arti taht il-Ministeru Gћall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, bl-gћajnuna tal- Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, MSV Life, Fimbank, Infusion u l-Phoenicia Hotel.