Daħla » Fil-Limelight » #malteen – avveniment ġdid tal-arti jiffoka fuq iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti

#malteen – avveniment ġdid tal-arti jiffoka fuq iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti

Avveniment ġdid se joffri l-opportunità lill-adoloxxenti u żgħażagħ bejn it-tlettax u sbatax-il sena li jieħdu pjaċir permezz tal-arti, fi programm li jpoġġi l-aspirazzjonijiet u l-passjonijiet tagħhom fiċ-ċentru.

Il-wijkend – imsejjaħ #malteen – se jsir bejn it-12 u l-14 ta’ Diċembru u qed jiġi organizzat għall-ewwel darba miċ-Ċentru tal-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu flimkien mal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Aġenzija Żgħażagħ. Il-wijkend huwa immirat lejn żgħażagħ u adoloxxenti ta’ bejn it-tlettax u s-sbatax-il sena li jifformaw parti minn gruppi u organizzazzjonijiet lokali għaż-żgħażagħ.

Għal tlett ijiem, il-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta se jkun mimli żgħażagħ li se jsegwu programm miżgħud bl-arti li jpoġġi l-aspirazzjonijiet kreattivi tagħhom fuq quddiem. Minn kunċerti tal-mużika għal installazzjonijiet taż-żfin, minn produzzjonijiet teatrali għal workshops tal-kitba u minn board games umani u abseiling għal sfidi oħra, il-programm jiċċelebra l-kreattività tal-adoloxxenti u żgħażagh u l-bżonn tagħhom li jesprimu ruħhom.

malteen rehearsals 2

Grupp ta’ teenagers se jkunu wkoll qegħdin jikkampjaw barra l-Kavallier ta’ San Ġakbu matul dan il-wijkend. Numru minnhom se jippjanaw film ta’ tliet minuti, jirreċtaw fih u jiffilmjawh bl-għajnuna ta’ grupp ta’ professjonisti. Dan il-film se jiġi muri għall-ewwel darba waqt l-avveniment tal-għeluq ta’ #malteen.

Il-programm għall-wijkend – li ġie żviluppat b’konsultazzjoni ma’ grupp ta’ żgħażagħ u adoloxxenti – ipoġġi l-aspirazzjonijiet, il-kreattività u l-ilħna taż-żgħażagħ fiċ-ċentru ta’ dan l-avveniment. “Nixtiequ li #malteen ikun dwar it-teenagers, il-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom u kif nistgħu ninkoraġġixxu l-kreattività fil-forom kollha tagħha,” qalet il-maniġer ta’ #malteen Maria Spiteri Zahra. “Għalhekk iffukajna fuq l-affarijiet li huma għandhom għal qalbhom u  li l-aktar jippermettulhom jesprimu l-kreattività tagħhom.”

 

L-arti jista’ jkollha rwol importanti fl-iskoperta ta’ esperjenzi ġodda u tgħin sabiex wieħed jiżboq il-konfini filwaqt li tipprovdi ftit libertà mill-pressjonijiet tal-ħajja ta’ adoloxxenti. #malteen ifittex li jilħaq dan il-għan, tgħid Maria. “F’età meta l-attenzjoni taż-żgħażagħ sikwit tkun mgħobbija wisq u meta jibdew jiżviluppaw l-identità adulta tagħhom, nipprovdu spazju ċar fejn jistgħu jiffukaw sabiex isibu l-kreattività tagħhom.” (1081)

  
Awtur Frederick Zammit