Daħla » Ġenerali » Mela Billi Tgħid il-Mummy

Mela Billi Tgħid il-Mummy

L-istaġun teatrali reġa’ magħna u l-Kumpanija DMX ħasbet li tiftaħ dan l-istaġun b’kummiedja divertenti għall-familja kollha.  ‘Mela Billi Tghid il-Mummy’, kummiedja fi tliet atti mil-pinna ta’ Ninu Borg.

“Kontra l-fehmiet tat-tfal tagħha, Sofie u Wilfred, is-Sinjura Matilda trid bilfors iżżewwiġhom lil xi ħadd ta’ professjoni u li ġej minn klassi għolja fis-soċjetà, anke jekk dawn ma jkunux jinteressaw jew iħobbu lill-istess uliedha.

Min-naħa l-oħra, nsibu lis-Sinjura Madalen, omm ta’ tlett itfal, li dejjem tħalli lil uliedha, li moħħhom biex jixxalaw u jittantaw ix-xemx għaddejja, jiddeċiedu huma dak kollu li jixtiequ jagħmlu f’ħajjithom.

Imma x’jiġri, meta x-xwejħa Katarin, is-seftura tas-Sinjura Matilda, tiddeċiedi li tirtira mix-xogħol u minflok taħseb fin-neputija tagħha biex toħdilha xogħolha? U Gori l-iskarpan, ħu Katarin, kif jidħol f’din l-istorja kollha? U xi tkun id-deċiżjoni tas-Sinjura Matilda biex mingħaliha tħassar il-pjanijiet tas-Sinjura Madalen?

Taħt id-direzzjoni ta’ Paul S. Aquilina, fil-partijiet ewlenin insibu lill Roberta Briffa, Rosienne Spiteri, Sandy Spiteri Vella u Alfred Vella,  li flimkien ma’ atturi oħra ser jagħtuna garanzija tlett siegħat ta’ divertiment għall-familja kollha, nhar is-Sibt 18 u l-Ħadd 19 ta’ Ottubru 2014, fis-7.15 ta’ fil-għaxija, fil-Pandora Hall iż-Żejtun. Il-biljetti jistgħu jinqatgħu fil-bieb jew wieħed jistà jċempel fuq 7946 7196 jew jibgħat email fuq dmx.zebbug@yahoo.com (931)

  
Awtur Frederick Zammit