Daħla » Ġenerali » Qasir il-Għomor: il-poeżiji ta’ Dun René Cilia

Qasir il-Għomor: il-poeżiji ta’ Dun René Cilia

Sentejn wara li Dun René Cilia ħalliena f’inċident nhar l-4 ta’ Novembru, il-qraba ta’ Dun René, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, se jkunu qed jippubblikaw Qasir il-Għomor, ġabra ta’ madwar 50 poeżija ta’ Dun René. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-poeżiji nkitbu fl-aħħar tliet snin ta’ ħajtu, jiġifieri bejn l-etajiet ta’ 24 u 27 sena. Żewġ poeżiji miktuba f’età ħafna iżgħar, meta l-poeta żagħżugħ kien għadu tifel fil-primarja, ġew inklużi fil-ġabra. Hemm ukoll għadd ta’ tpinġijiet u tħażżiżiet bil-kulur ta’ Dun René, li l-ispirtu tagħhom jikkumplimenta l-poeżiji stess.

Dun René, minn Ħal Qormi iżda li kien qed jaqdi dmirijietu ta’ saċerdot ġewwa ż-Żejtun, jibqa’ magħruf għall-entużjażmu tiegħu fil-ħidma pastorali mal-qraba, mal-ħbieb, u ma’ persuni oħra li ma kenux jafuh iżda ħtieġu l-għajnuna spiritwali u materjali. Minbarra l-ħidma tiegħu fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-volontarjat, Dun René ħadem ħafna mal-persuni neqsin mis-smigħ, u kien attiv fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni diġitali. Kien ukoll attiv fi ċrieki kulturali. Wara l-ewwel esperjenza tiegħu ta’ volontarjat ġewwa l-Etjopja mat-tfal morda bl-AIDS, kien qed jikkunsidra li jkollu esperjenzi oħra simili. L-impatt ta’ din l-esperjenza fuqu tidher anki fil-kitbiet tiegħu.

cover

L-antoloġija fiha żewġ daħliet, waħda ta’ Dr Bernard Micallef, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, u oħra ta’ Sr Bernadette Gafà, iz-zija ta’ Dun René. L-ewwel daħla tippreżenta lil René bħala kittieb emerġenti, filwaqt li t-tieni tagħti ħjiel ġdid fuq il-ħajja personali tal-awtur. Fl-aħħar tal-ġabra hemm ukoll għadd ta’ kitbiet ta’ natura kritika dwar il-poeżiji, imħejjija mill-Professuri Arnold Cassola u Oliver Friggieri, Dr Adrian Grima, u Dr Immanuel Mifsud, ilkoll letturi tad-Dipartiment tal-Malti. Magħhom qed jidher ukoll artiklu tas-Sur Kit Azzopardi, student tal-istess Dipartiment. L-edituri huma Dr Bernard Micallef u s-Sur Kit Azzopardi.

3D

Il-ktieb jinsab għall-bejgħ il-Librerija Preca, il-Blata l-Bajda (2122 2626), u St Joseph School, il-Blata l-Bajda (21237936). (769)

  
Awtur Frederick Zammit