Daħla » Kultura » Snajja’ Maltin – It-Tieni Staġun fuq ONE mill-ħarifa

Snajja’ Maltin – It-Tieni Staġun fuq ONE mill-ħarifa

Wara s-suċċess tal-ewwel sensiela ta’ Snajja’ Maltin, fejn rajna wħud mill-prodotti lokali jiġu msawwra minn ħaddiema Maltin, issa ser issir it-tieni staġun ta’ dan il-programm kulturali u edukattiv.  Infatti, dan il-programm jitratta dwar xogħol li jsir f’pajjiżna, biex ngħixu flimkien il-proċessi twal u iebsin li forsi ftit nafu dwarhom, qabel mal-prodott jasal f’idejn il-konsumatur. Fil-programm naraw prodotti li jsiru b’teknoloġija avvanzata u mill-banda l-oħra b’artiġjanat tipiku Malti li l-ħaddiema Maltin għadhom jaħdmuh b’mod tradizzjonali sabiex b’hekk il-kultura Maltija tibqa ħajja.

Simone Photo

Fl-ewwel staġun ta’ Snajja’ Maltin, laqqajnikom ma’ diversi tipi ta’ snajja’ popolari li għandna  f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dawn jinkludu kif isir l-arloġġ tal-lira, kif jinħadmu l-bambini tax-xemgħa, kif tiżżewwaq il-bizzilla, kif tapit jiġi minsuġ, kif jissawwru ċ-ċeramika, il-ħġieġ u l-madum. Rajna wkoll il-frott li joħroġ mill-fillugran, ix-xogħol iebes tal-ħaddied, il-preċiżjoni tal-marmista, is-sbuħija ta’ kif jinħoloq żarbun, il-proċess tawwali ta’ kif jasal f’idejna ktieb, il-proċess delikat tal-kunserva u tal-irkotta. Ma naqasx ukoll li naraw il-famużi pastizzi tradizzjonali Maltin kif jinħadmu, l-inbid tant bnin mill-għeneb Malti u anke kif jinġabar l-għasel fin min-naħla Maltija. Finalment u kif xieraq, għal żmien il-Milied, rajna wkoll kif jinħadem il-presepju tant maħbub fil-gżejjer Maltin.

Fit-tieni staġun, illi huwa tant mistenni mill-udjenza Maltija, ser nassistu għal ħafna aktar Snajja’ Maltin, kemm popolari kif ukoll oħrajn anqas. Insemmu biss tlett snajjiet – ix-xogħol iebes u ta’ preċiżjoni biex tinħadem dgħajsa tal-pass, ix-xogħol vast u interessanti li jwassal biex jinħoloq orgni tal-knisja u kif tinħadem libsa tat-tieġ.

Dawn u ħafna aktar ser tkunu tistgħu ssegwuhom, fl-iskeda tal-Ħarifa 2014, kuljum fis-7 ta’ filgħaxija qabel l-aħbarijiet, dejjem fuq ONE.

Libsa tat-tieg

Snajja’ Maltin jittella bi produzzjoni ta’ imagin-Arts u Marvin Baldacchino għall-White Angel Productions. Tippreżenta Simone De Battista. Direzzjoni ta’ Ivan De Battista.

Tistgħu wkoll tidħlu fil-paġna facebook https://www.facebook.com/SnajjaMaltin

 Jew segwi l-filmat promozzjonali fuq  https://www.youtube.com/watch?v=00R0APPhwUs

(2119)

  
Awtur Frederick Zammit