Daħla » Drama » Staġun ġdid ta’ Midinbin

Staġun ġdid ta’ Midinbin

Wara s-suċċess kbir tal-ewwel sensiela, Bronk Productions ħasbu li jippreżentaw sensiela ġdida ta’ MIDINBIN.

F’din is-sensiela ġdida, miktuba wkoll minn John Suda u Rosann Zamit Cassar, il-protagonisti li rajna fl-ewwel sensiela se jħabbtu wiċċhom ma’ nkwiet ġdid meta l-imgħoddi jitħallat mal-preżent u jtellef dik l-armonija li safl-aħħar dehret li qed jgħixu fiha.

Dun Gwann u ohtu Melita

Ines Farrugia (Melita), Rosann Zammit Cassar (Lisa), Gabriel Suda (Adam), Joe Farrugia (Pietru), Antoine Cauchi (Nick), Stephanie Grech Mallia (Tereża), Angie Casha (Katrin), Xer Zahra (Krista), Kevin Spiteri (Daniel), Moira Muscat (Alice) u Mariella Schembri (Lara) qed jaħdmu taħt id-direzzjoni ta’ John Suda, li se jerġa’ jkun Dun Ġwann.  Magħhom hemm atturi oħra bħal Michael Sciortino u Emanuel Cassar flimkien ma’ għadd ta’ atturi żgħażagħ.

Il-Familja Borg

Din is-sensiela, li se tibda f’Ottubru fuq ONE TV, mistennija tqanqal l-interess tat-telespettaturi, li tant minnhom talbu lil Bronk Productions biex MIDINBIN jitkompla.

Għalkemm il-protagonisti tas-sensiela l-ġdida se jkunu l-istess, min ma rax l-ewwel sensiela xorta waħda se jkun jista’ jsegwidak li qed jiġri.  Għax John Suda u Rosann Zammit Cassar ħasbu li jiktbu storja kompletament ġdida.

Veru li, xi kultant, isiru referenzi għall-passat, imma huwa dak li qed jiġri issa li għandu jżomm lit-telespetaturi mkaħħla mal-iscreens tat-television kull nhar ta’ Ġimgħa fid-8.45 ta’ filgħaxija.

Nick u ommu Katrin

Wara li għaddew erba’ snin, issa kollox jidher trankwill.  Ħafna affarijiet inbiddlu.  Adam (Gabriel Suda) tassew għamel ħiltu biex ibiddel ħajtu minn waħda kriminali u vendikattiva għal raġel ta’ professjoni.  Adam kompla l-Universita’ u ggradwa bħala perit u qed jaħdem b’mod regolari għall-kumpanija tal-familja.  Daniel (Kevin Spiteri), wara l-esperjenzi koroh li kellu ma’ Krista (Xer Zahra), li kienet għoddha qatlitu, tefa’ l-passat wara daharu u issa jinsab miżżewweġ ma’ Lara (MariellaSchembri) it-tifla tan-Nutar Carbonaro (Michael Sciortino).  Pietru (Joe Farrugia) baqa’ jagħmel progress ikbar u issa sar kapaċi jitkellem u jimxi sew.

Dun Ġwann (John Suda) għadu jgħix ma’ oħtu Melita (Ines Farrugia) fl-istess dar.  Dawn it-tnejn għad għandhom għal qalbhom lin-neputijiet Daniel, Adam u Lisa (Rosann Zammit Cassar).  Adam u Lisa huma l-mimmi t’għajnejhom, l-iktar Lisa, li baqgħet toħroġ ma’ Nick (Antoine Cauchi) u waslet biex tiżżewġu.

DSCF4509

Lisa ilha deċiża li, wara ż-żwieġ, tibqa’ tgħix ma missierha.  Din il-ħaġa tinkwieta mhux ftit lil Katrin (Angie Casha), omm Nick.  Katrin issa ilha armla u għalkemm kuntenta li binha rabba’ l-għaqal u baqa’ ma’ Lisa, tibża’ li se tkun wisq waħedha mingħajru.  Hi kienet tixtieq li Nick u Lisa jmorru joqogħdu magħha.

Allura issa fid-dar ta’ Pietru se jiżdiedu l-koppja miżżewġa Lisa u Nick.  Imma kemm se jkun komdu Nick fid-dar ta’ Pietru?  Xi problemi se jinqalgħu minħabba din id-deċiżjoni ta’ Lisa?  U meta titfaċċa Alice (Moira Muscat), li kienet ħabiba tal-familja meta dawn kienu l-Awstralja?  X’rapport kellha ma’ Pietru?  Xi trid issa minnu?

Dan kollu u ferm iktar it-telespettaturi se jkunu jistgħu jarawh f’din is-sensiela ġdida li Bronk Productions se ttella’ minn Ottubru, kullnhar ta’ Ġimgħa fid-8.45 fuq ONE TV.

  (2812)

  
Awtur Frederick Zammit