Daħla » Ġenerali » STAMPAKELMA

STAMPAKELMA

Fl-istorja tal-ktieb Malti sar pass ta’ ġgant ieħor f’dal-jiem, għaliex ġie ppubblikat għall-ewwel darba f’Malta dizzjunarju bl-istampi estensiv kompletament lokalizzat bi kliem marbut mar-realtà, kultura u ambjent ta’ Malta. Stampakelma huwa r-riżultat ta’ snin ta’ xogħol – kemm għall-kliem kemm għall-istampi – ta’ Trevor Żahra, pubblikazzjoni Merlin Publishers.

Stampakelma huwa ġabra ta’ ’l fuq minn 1,000 stampa u 1,000 kelma, kollox miġbur skont is-suġġett: ġisimna, il-familja, ħwejjeġ, xi nsibu fi kmamar differenti tad-dar u ħafna oħrajn. Jiġbor fih ukoll stampi u ismijiet ta’ għasafar, annimali, ħut, fjuri, ħxejjex, ħwawar, siġar, frott, kif ukoll stampi dwar it-tradizzjonijiet Maltin.

taqsima zghar2021

Fi tmiem dan id-dizzjunarju hemm indiċi alfabetiku Malti-Ingliż, Ingliż-Malti kif ukoll tagħrif ħafif dwar xi wħud mis-suġġetti magħżula. Stampakelma huwa mfassal għat-tfal, imma joffri minjiera tad-deheb anki lill-għalliema u l-ġenituri. Ukoll – uniku fil-ġeneru tiegħu, Stampakelma huwa maqsum f’żewġ taqsimiet, waħda għal tfal iżgħar, oħra għal tfal ftit ikbar. B’hekk Stampakelma jista’ jibqa’ jintuża u jibqa’ relevanti tul medda twila ta’ snin.

Stampakelma huwa maqsum tematikament. Fih paġni bi kliem u stampi miġbura skont it-temi, fosthom ġisimna, il-familja, ħwejjeġ, fil-ġnien, ġugarelli, ħaxix, frott, ħut, għasafar, fil-klassi, strumenti tal-mużika, festi, opposti, trasport, spazju u temp, u ħafna oħrajn. Jinkludi kemm dak il-kliem ta’ kuljum meħud mid-dinja tat-tfal, kif ukoll kliem li għalkemm mhux daqstant komuni, xorta waħda tajjeb li t-tfal jitgħallmuh u jkunu jafu t-tifsira tiegħu.

taqsima kbar 116117 (1)

Dizzjunarju bl-istampi m’huwa xejn jekk mhuwiex lokalizzat għall-kultura u l-ambjent ta’ fejn qed jintuża. Għalhekk, Żahra ħa ħsieb biex Stampakelma jkun fih ħafna kliem marbut mal-ambjent Malti u mal-kultura tagħna; pereżempju kliem konness mal-festi, mad-drawwiet, mal-knisja, kif ukoll mal-ambjent naturali tagħna.

Waqt it-tnedija tal-ktieb, li saret f’Palazzo De La Salle, il-Belt Valletta, tkellmu dwar dan id-dizzjunarju u l-użi kollha tiegħu fil-klassi u fid-dar, il-kittieba Leanne Ellul u l-President tal-Akkademja tal-Malti Dr Olvin Vella.

Stampakelma jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew direttament online minn www.merlinpublishers.com (1807)

  
Awtur Frederick Zammit