Daħla » Ġenerali » ŻiguŻajg: Festival li jpoġġi t-tfal fiċ-ċentru tal-attenzjoni

ŻiguŻajg: Festival li jpoġġi t-tfal fiċ-ċentru tal-attenzjoni

L-uniku festival f’Malta li jpoġġi t-tfal u ż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-attenzjoni jirritorna għar-raba’ edizzjoni  li tidher li se ssaħħar kemm udjenzi tat-tfal kif ukoll dawk adulti.

The Black Sheep by Teatro Distinto

(Ritratt: The Black Sheep by Teatro Distinto)

Spettaklu li joħloq il-poeżija mill-boroż tal-plastik jittajru mar-riħ, produzzjoni bil-pupazzi li timxi minn sodda gћal oћra fi sptar u installazzjoni ta’ tpinġijiet tat-tfal fiċ-ċentru tal-Belt Valletta. Wasal iż-żmien għar-raba’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg, il-festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, li jidher li se jkun mimli spettaklu, kulur u immaġinazzjoni.

Mis-17 sat-23 ta’ Novembru, il-festival se juri 28 produzzjoni, li jinkludu 12-il produzzjoni internazzjonali minn seba’ pajjiżi differenti. Artisti minn Spanja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Olanda se jingħaqdu ma’ uħud mill-aħjar artisti Maltin biex joħolqu l-uniku festival f’Malta fejn it-tfal huma verament fil-qalba tal-attenzjoni.

ieto - photo by Milan Szypura

(Ritratt: ieto – photo by Milan Szypura)

It-tfal huma mistennija li se jmorru bi ħġarhom għall-festival li, din is-sena, mistenni jiġbed udjenzi ta’ madwar 12,000 – li nofshom jiġu mill-iskejjel – u li se jattendu 132 avveniment fuq medda ta’ ġimgħa.

Mill-mużika għaż-żfin, mill-arti viżiva għall-pupazzi, u mill-mima għat-teatru, it-tfal jidħlu f’sensiela ta’ dinjiet paralleli fejn il-ħolm u l-memorji, il-foresti u l-ġonna, l-immaġinazzjoni u r-realta’ jingħaqdu sabiex jirrakkontaw stejjer eċitanti li t-tfal żgur li se jirrelataw magħhom.

Cookie and the art of bullying (photo by Elisa von Brockdorff and Andrew Schembri)

 

(Ritratt: Cookie and the art of bullying by Elisa von Brockdorff and Andrew Schembri)

Iżda minkejja li dawn id-dinjiet huma mimlijin għasafar, fjamingi, ġugarelli u ħwejjeg li jitkellmu, dan huwa festival li ma jfittixx li jaħbi dawk li huma l-aspetti aktar tad-dwejjaq tal-ħajja. Hemm ukoll stejjer dwar il-bullying, dwar il-mard – saħansitra anke proġett artistiku li jieħu spunt mill-idea tal-istessu.

It-tema ta’ din is-sena filfatt iddur madwar l-identità, b’artisti bħal Trevor Zahra, Austin Camilleri, Simone Spiteri, Ruben Zahra u Vince Briffa, jesploraw l-identità b’sensittivita u immaġinazzjoni kbira.

Il-Mudlamin - photo by Elisa von Brockdorff and Andrew Schembri 3

 

(Ritratt:Il-Mudlamin – photo by Elisa von Brockdorff and Andrew Schembri)

“L-artisti jifhmu r-responsabbilta’ tagħhom – din tista’ tkun l-ewwel darba li tifel jew tifla jiltaqgћu mal-arti u għalhekk irridu nippreżentaw varjeta’ ta’ xogħlijiet artistiċi eċċellenti li joffru esperjenza kreattiva għal kulħadd,” stqarr id-direttur artistiku Toni Attard.

Il-festival ta’ ŻiguŻajg joffri programm vast b’artisti ta’ kalibru għoli ħafna, u li huma magħrufin għal numru ta’ produzzjonijiet kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Kull sena l-programm jittella’ b’attenzjoni kbira għall-preżentazzjoni, ġeneri, relevanza għal etajiet differenti u, fuq kollox, eċċellenza.

See-Quatic - photo by Andrew Rizzo

 

(Ritratt: See-Quatic – by Andrew Rizzo)

Il-programm huwa riżultat ta’ proċess ta’ kkummissjunar li jdum gћaddej sena sħiħa, bl-artisti li jieħdu sehem joffru u jiddiskutu ideat u stejjer flimkien. Ir-riżultat huwa programm li huwa intelliġenti u artistikament rikk, li jipprovdi mumenti li nisperaw jibqgħu mat-tfal u forsi anke jikkontribwixxu għall-involviment mal-arti li tibqa’ magħhom tul ħajjithom.

ŻiguŻajg huwa mtella’ miċ-Ċentru ghall-Kreattivita’ tal-Kavallier ta’ San Ġakbu bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u l-Gvern ta’ Malta.

The Toy Symphony - photo by icam photography

 

(Ritratt: The Toy Symphony – by icam photography)

Huwa mtella’ wkoll bl-għajnuna tal-Mackintosh Foundation, MSV Life, l-Ambaxxata Germaniża u l-Fondazzjoni Valletta 2018 kif ukoll l-Ambaxxata Awstrijaka, Malta Airport Shopping, Actavis u Pampers.

Biljetti jistgħu jinxtraw minn www.ziguzajg.org. Il-biljetti kollha għall-produzzjonijiet ta’ filgħodu għall-iskejjel huma bla ħlas. Biljetti għal dawk il-produzzjonijiet miftuħin għall-pubbliku jistgħu jinkisbu għal €2 il-wieħed.

www.ziguzajg.org, https://www.facebook.com/ziguzajg

  (663)

  
Awtur Frederick Zammit