Daħla » Ġenerali » ŻiguŻajg jiftaħ b’installazzjoni tal-arti bi 12,000 tpinġija magħmula mit-tfal

ŻiguŻajg jiftaħ b’installazzjoni tal-arti bi 12,000 tpinġija magħmula mit-tfal

Ir-raba’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg, il-festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, fetħet dalgħodu b’installazzjoni tal-arti bi 12,000 tpinġija magħmula minn tfal tal-iskola.

L-aħħar ftit tpinġijiet li jiffurmaw parti mill-installazzjoni Solo I Bambini Ci Salveranno twaħħlu mit-tfal tal-iskola waqt il-ftuħ tal-festival ġewwa Pjazza de Valette dalgħodu. Ix-xogħol fuq l-installazzjoni, tal-artist Austin Camilleri, kien ilu għaddej numru ta’ ġimgħat u kien jinvolvi madwar 12,000 tpinġijijiet ta’ tfal mill-iskejjel primarji f’Malta u Għawdex. Sussegwentement, kull tpinġija ġiet individwalment diġitizzata, stampata u integrata f’installazzjoni pubblika. B’hekk leħen it-tfal twassal fiċ-ċentru tal-belt Valletta. Il-proġett jifforma parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

Waqt il ftuħ, il-ministru tal-Kultura Owen Bonnici, flimkien ma’ rappreżentanti minn entitajiet kulturali, daru l-Kavallier ta’ San Ġakbu, fejn numru ta’ produzzjonijiet kienu għaddejjin bħala parti mill-festival.

Bejn is-17 sat-23 ta’ Novembru, il-festival se juri 28 produzzjoni, inkluż 12 il-produzzjoni internazzjonali minn seba’ pajjiżi differenti. Artisti minn Spanja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Olanda se jingħaqdu ma’ uħud mill-aħjar artisti Maltin biex joħolqu l-uniku festival f’Malta fejn it-tfal u ż-żgħażagħ huma verament fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

B’aktar minn 132 avveniment fuq medda ta’ ġimgħa, il-festival jiġbed udjenzi ta’ madwar 12,000, li nofshom jiġu mill-iskejjel.

Mill-mużika għaż-żfin, mill-arti viżiva għall-pupazzi, u mill-mima għat-teatru, it-tfal jidħlu f’sensiela ta’ dinijet paralleli fejn il-ħolm u l-memorji, il-foresti u l-ġonna, il-finzjoni u r-realta’ jingħaqdu sabiex jirrakkontaw stejjer eċitanti li t-tfal żgur li se jirrelataw magħhom. It-tfal se jkunu parti minn jew jieħdu sehem f’uħud mill-produzzjonijiet.

It-tema ta’ din is-sena tirrivolvi madwar l-identita’, tema li titfaċċa f’uħud mill-produzzjonijiet, sabiex tgħin lit-tfal jesploraw min huma u x’jixtiequ jsiru. Dawn huma esplorati b’sensittivita’ u immaġinazzjoni kbira minn artisti bħal Trevor Zahra, Austin Camilleri, Simone Spiteri, Ruben Zahra u Vince Briffa, kif ukoll numru ta’ artisti emerġenti.

Il-festival ta’ ŻiguŻajg joffri programm b’artisti ta’ kalibru għoli ħafna, u li huma magħrufin għal numru ta’ produzzjonijiet kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Kull sena l-programm jittella’ b’attenzjoni kbira għall-preżentazzjoni, ġeneri, relevanza għal etajiet differenti u, fuq kollox, eċċellenza.

ŻiguŻajg huwa mtellà miċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu bl-għajnuna tal- Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u l-Gvern ta’ Malta.

Huwa mtella’ wkoll bl-għajnuna tal-Mackintosh Foundation, MSV Life, l-Ambaxxata Germaniża, il-Fondazzjoni Valletta 2018, Wasteserv u Pillow Spaceframe Ltd, kif ukoll l-Ambaxxata tal-Awstrija, l-Ambaxxata ta’ Spanja, Malta Airport Shopping, Actavis u Pampers.

www.ziguzajg.org, https://www.facebook.com/ziguzajg

 Ritratt: Elisa Von Brockdorff (1084)

  
Awtur Frederick Zammit